IL-VARA TITULARI TA' SANTA MARIJA FIL-QRENDI

175 Sena ta' Storja u Qima    1837  -2012

   

Ktieb b'tagħrif storiku u dokumentat mill-Professur Dun Manwel Agius

                                                                                                              

Għall-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-175 anniversarju mill-wasla tal-Istatwa ta' Santa Marija, li qed nagħmlu fil-parroċċa tal-Qrendi bejn l-24 u t-30 ta' Ottubru 2012, il-Professur Rev. Emmanuel Agius ippreżenta ktieb miktub minnu stess dwar riċerka storika u dokumentata dwar din il-vara artistika ta' Santa Marija.

Matul il-175 sena li għaddew kull min kiteb dwar din l-istatwa dejjem irrefera għas-sena 1840 meta nhadmet mill-Iskultur Senglean Antonio Chircop.  Pero dwar din is-sena ma kien hawn ebda evidenza ċara jew dokumentata ħlief dak li nkiteb minn Pietru Pawl Castagna fl-1865 fil-ktieb tiegħu dwar l-istorja ta' Malta.

Waqt ix-xogħol ta' restawr tal-vara li sar is-sena l-oħra (2011), Rev. Emmanuel Agius daħħalha f'moħħu li b'xi mod jew ieħor teżisti xi tip ta' dokumentazzjoni dwar din il-vara u minn hemm beda jagħmel ir-riċerka tiegħu fl-arkivji tal-Kurja Arċiveskovili.  Kif jgħid hu stess, wara ħafna taqlib ta' diversi manuskritti, b'xorti tajba iltaqa' ma' dokument li fih sab referenza ċara li l-vara ta' Santa Marija waslet fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi fis-sena 1837 u mhux fl-1840.  Hija ħaġa naturali għal dawk li jkunu qed jagħmlu xi tip ta' riċerka li qatt ma tkun kuntent b'dak li sibt u tkun tibqa' tfittex aktar.  U nifhem li Dun Manwel hekk ukoll ġralu.  U ngħid li mn'alla kien hekk għax waqt aktar tiftix, u din id-darba fl-Arkivji Notarli, irnexxielu jsib il-kuntratt li jagħti ċertezza dwar id-data meta ġiet ikkommissjonata u minquxa fl-injam il-vara ta' Santa Marija.  Dan il-kuntratt  bejn l-iskultur Antonio Chircop u Rev. Ferdinando Magri sar quddiem in-Nutar Vincenzo Carcas.

F'dan il-ktieb imprezzabbli wieħed isib ukoll tagħrif siewi dwar:

  • Il-kuntratt biex tinħadem l-istatwa bejn il-Parroċċa tal-Qrendi u l-iskultur Antonio Chircop
  • kif kienet tidher l-istatwa meta nħadmet minn Antonio Chirop fl-1837.
  • l-ewwel restawr li sarilha fl-1911
  • ir-restawr li sarilha fl-1945
  • ir-restawr li sar fl-2011
  • dokumenti u informazzjoni li qed jidhru għall-ewwel darba.

Filwaqt li għandna nirringrazzjaw lir-Rev. Emmanuel Agius għal din il-ħidma sfiqa tiegħu biex ġabar din l-informazzjoni kollha, ngħid b'sagrifiċċju u sigħat twal ta' tiftix u taqlib fost kotba antiki u manusktritti, inħeġġeġ li dawk kollha li huma nteressati dwar l-istorja tar-raħal u l-parroċċa tagħna biex jakkwistaw dan il-ktieb b'tagħrif imprezzabbli dwar il-vara ta' Santa Marija.

Tagħrif dwar il-Prof. Rev. Emmanuel Agius

Min jixtieq kopja javviċina lil Kappillan Fr. Mario Mifsud jew lir-Rev. Emmanuel Agius.

Donazzjoni ta' 5

Email:   parrocca.qrendi@maltadiocese.org

                              

 

 

 

Ktieb dwar il-Vara ta' Santa Marija

Back