L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li n-Nisrani jkun qed jonqos jekk jibqa’ spettatur quddiem id-dramma tal-umanità.
Waqt Omelija li għamel fl-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Qrendi, l-Isqof Grech qal li tingħata togħma qarsa lill-komunità parrokkjali jekk il-membri tagħha jkollhom l-atteġġjament ta’ spettaturi. Stqarr li l-komunità mnebbħa mill-fidi fi Kristu għandha tfittex li tagħmel proposti kostruttivi biex jinħallu l-problemi.
Mons. Grech qabbel il-ħajja mgħaġġla ma’ gwerra qalila li fiha jkun hemm il-kamp għall-feruti, b’referenza għall-parroċċa. Skont l-Isqof, hemmhekk il-ferut għandu jsib il-kura u l-imħabba, irrispettivament jekk jistax jikkonverti jew le. Żied jgħid li l-parroċċa stess jista’ jkollha l-ġrieħi tagħha, ħaġa li mhix tal-mistħija, saħansitra jaf tagħti aktar kuraġġ lill-feruti biex jersqu lejha.
Waqt l-omelija tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex qal li l-komunità parrokkjali ma tistax tippermetti li jkollha spiritwalità mneżża’ mill-uman. Tkellem dwar ir-riskju tad-devozzjonijiet li jistgħu jintużaw biex jintesa l-proxxmu ferut.
Mons. Grech stqarr li parroċċa lanqas tista’ tkun ġemgħa ta’ persuni perfetti. Qal li huwa importanti li kulħadd jimxi bil-pass tiegħu, u min jaqa’ lura għandu jkollu s-sapport tal-parroċċa u mhux l-istmerrija tagħha.
L-Isqof awgura l-parroċċa tal-Qrendi biex flimkien issib dawk il-kriterji serji u kredibbli li jgħinu biex isiru proposti biex tkun tista’ tistagħna umanament u spiritwalment.
Qal li llum-il ġurnata l-komunità Nisranija trid tkun lesta tmur hi għand in-nies, titgħallem id-djalett tan-nies u tissimpatizza aktar mal-poplu. Spjega wkoll li l-komunità parrokkjali hija waħda missjunarja li ma tistax toqgħod tifraħ biha nfisha. Mons. Grech qal li l-ferħ tal-Vanġelu jrid jinqasam mal-oħrajn.
Artiklu meħud minn: http://www.newsbook.com.mt/artikli/2018/2/21/tibqghux-spettaturi—l-isqof-grech.71728/