Għeziez familji Qrendin,
Kif naħseb ilkoll tafu, fil-knisja parrokkjali għandna orgni sabiħ tal-pajpijiet li qiegħed fuq wara tal-artal, in-naħa tax-xellug meta tħares lejn l-artal. Dan l-orgni ġie restawrat fl-2002 u jintuza l-iktar għal kunċerti, għalkemm anke kultant jintuza għall-quddies. Dan huwa orgni li nbena iktar minn mitejn sena ilu, u għalkemm għandu valur storiku imprezzabbli, madankollu m’huwiex prattiku biex jintuza għal quddies ta’ kuljum.
Ix-xewqa li jinxtara orgni diġitali, li jkun qiegħed fil-korsija ilha tberren ħafna fil-moħħ ta’ diversi persuni. Jiena nixtieq li din ix-xewqa nwettquha matul is-sena li ġejja. Għaldaqstant, jiena qiegħed nipproponi biex dan ikun il-proġett li flimkien inwettqu fis-sena 2020, ix-xiri ta’ orgni diġitiali ġdid għall-knisja parrokkjali biex ikun jista’ jintuza għall-quddies, b’mod partikulari ta’ nhar ta’ Ħadd. Dan l-orgni jkun jista’ jintuza wkoll fil-quddies tat-tiġijiet, fil-festi, u f’kull okkazjoni li jkollna fil-knisja.
Wara li tkellimt ma min jifhem biex inkun nista’ nieħu stima, jidher li orgni diġitali li jmur tajjeb għall-knisja tagħna, jkun jiswa madwar tnax il-elf euro (€12,000). Din hija somma pjuttost kbira, pero bil-ftit ta’ kulħadd tista’ tinġabar f’qasir zmien. Jekk kull familja toffri għoxrin euro (€20) għal dan il-proġett, allura, nkunu nistgħu ngħidu li l-ispiza għal dan l-orgni nkunu ġbarniha, u nkunu nistgħu nixtruh ukoll. Għaldaqstant jiena nappella biex l-istrina ta’ din is-sena, tkun strina għal dan il-proġett, sabiex nixtru orgni diġitiali ġdid għall-knisja parrokkjali tagħna.
Inġeġġeġ lil kulħadd sabiex ilkoll nagħtu s-sehem tagħna, hekk inkunu nistgħu ngħidu, li l-orgni li jkollna fil-knisja, jkun frott id-donazzjonijiet ta’ kull familja Qrendija. Kull min jixtieq jista’ jagħti din id-donazzjoni sħiħa f’Jannar. F’dak il-kaz, il-formula li qed tirċievu ma’ din l-ittra tistgħu timlugħa kollha, u tgħadduha lili flimkien mad-donazzjoni. Izda min iħoss li dan l-ammont huwa wisq, wieħed jista’ jagħti ħames euro (€5) kull tlett xhur. F’dan il-kaz, il-biljetti li qedgħin tirċievu permezz tal-formula, tistgħu tqassqsuhom f’erba’, u tibgħathom skont ix-xhur indikati flimkien mad-donazzjoni.
Jien inħalli f’idejn il-ġenerozita tagħkom, sabiex dan il-proġett jitwettaq, u hekk inkunu nistgħu ngħidu li l-knisja tagħna fornejniha/għammarniha wkoll b’orgni li jixirqilha. Minn qalbi nirringrazzjakom tal-interess u tal-ġenerozita tagħkom.
Tislijiet,
Fr Mario Said
Amministratur