Nhar is-Sibt, 13 ta’ Ġunju ser nerġgħu nibdew niċċelebraw il-quddies flimkien permezz tal-quddiesa ta’ filgħaxija fis-6.30pm. Imbagħad minn nhar il-Ħadd, il-quddies jerġa’ jibda jkun eżatt bħal qabel, jiġifieri nhar ta’ Ħadd filgħodu fis-6.00, fis-7.15, fit-8.30, u fl-10.00, u filgħaxija fis-6.30pm.
Għalkemm nieħdu gost narawkom u niċċelebraw il-fidi tagħna flimkien, madankollu l-Isqfijiet tagħna, fuq il-parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa jħeġġu biex għalissa persuni vulnerabli joqgħodu d-dar u jsegwu l-quddiesa minn fuq it-televixin.
Għal kull quddiesa, l-knisja tagħna se tkun tesgħa 62 persuna. Dawk li jiġu flimkien bħala familja jistgħu joqgħodu ħdejn xulxin, filwaqt li minn jiġi waħdu, jrid joqgħod f’distanza ta’ madwar żewġ metri minn persuni oħrajn.
Il-knisja ser tinfetaħ dejjem kwarta qabel il-quddiesa, u ser ngħaddu dejjem mill-bieb tan-nofs. Fil-bieb ser ikun hemm min jieħu t-temperatura. Din għandha tkun dejjem inqas minn 37.2oC, f’każ li tkun daqshekk jew iktar, dak li jkun għandu jmur id-dar u jieħu ħsieb jiċċekkja saħħtu għal ġid tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru.
Qabel tiġi l-knisja ara li m’għandekx sintomi ta’ influwenza. Jekk għandek, ikun aħjar li toqgħod id-dar.
Fil-knisja għandek tilbes maskra jew visor il-ħin kollu.
Importanti li nżommu d-distanza soċjali kemm qabel ma nidħlu fil-knisja, kemm fil-knisja, u anke meta nkunu ħerġin mill-knisja.