Ir-Raba’ ħadd tar-randan
Qari II
Qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu. Ef 5, 8-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, għax kull ma jidher hu dawl; għalhekk jingħad: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Għeżież,
Ninsabu fir-raba’ Ħadd tar-Randan, il-Ħadd li fih Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala d-Dawl tad-dinja. Fit-Tieni Qari, għandna silta mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin fejn San Pawl iħeġġiġna sabiex infittxu li ngħoġbu lil Mulej b’dak kollu li ngħidu, naħsbu, u nagħmlu. Dan għaliex aħna, permezz tal-magħmudija sirna dawl fil-Mulej. Huwa d-Dawl ta’ Kristu li jiddi fuqna kif ix-xemx tiddi fuq il-qamar, u l-qamar jirrifletti d-dawl tax-xemx. Hekk ukoll aħna, d-Dawl ta’ Kristu jirrifletti fuqna, biex aħna nkunu strumenti li nwasslu dan id-dawl lil dawk ta’ madwarna. Ejjew nistenbħu, u nqumu mir-raqda tagħna, ħalli jiddi fina d-Dawl ta’ Kristu. Ejja Mulej, u imla ’l qlubna bid-dawl tal-imħabba tiegħek. Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.
Fr Mario